Mur fil-bidu tal-werrej.
Inti tinsab

Għajnuniet għall-istudenti

Ma nifhimx xi jkun qed jintqalli

  • M’hemmx għalfejn tifhem kull kelma! Ħares lejn wiċċ il-kelliema, il-ġesti li jagħmlu u t-ton ta’ leħinhom. Tista’ tosserva dan kollu fil-programmi televiżivi u fil-films. Inqeda bl-intuwizzjoni. Miċ-ċaqliq tal-kelliema tista’ tintebaħ xi jkunu jridu jgħidu. Mill-kuntest tat-taħdita tista’ tinduna dwar xiex qed jitkellmu.
  • Ħu gost isma’ l-lingwa l-ġdida mitkellma, imqar jekk ma tantx tifhem xi jkun qed jingħad. Mis-smigħ bil-mod il-mod tidra r-ritmu tal-lingwa. Tista’ ngħidu aħna toqgħod tisma’ l-kanzunetti. Il-lirika tagħhom tista’ tinqeda biha biex tagħmel fehim it-test orali. Xi lirika ssibha tradotta fuq l-internet, jekk tkun trid tara fhimtx kollox.
  • Isma’ l-mużika, ir-radju u ara programmi televiżivi bil-lingwa barranija. Ipprova agħraf xi kliem u espressjonijiet li diġa` taf, u ipprova ifhem il-punti ewlenin. Wara, saqsi xi mistoqsijiet lilek innifsek u ara tiftakarx dak kollu li tkun smajt. Jekk ikollok ħin, erġa’ isma’ l-mużika mill-ġdid. Tista’ tibda bir-reklami u t-tbassir tat-temp. Dawn huma xi affarijiet oħra li tista’ tagħmel:
    • teħodha drawwa żżomm ir-radju jew it-TV mixgħul waqt li tkun qed tagħmel xi xogħol biex issir midħla tar-ritmu tat-taħdit, u biex kulma jmur iżżid l-għarfien tiegħek fil-lingwa u l-vokabolarju tagħha;
    • taħseb dwar suġġetti li jolqtok u tipprova ssib kliem relatat mas-suġġetti bil-lingwa barranija, ngħidu aħna billi tisma’ aħbar bil-lingwa materna u wara tismagħha wkoll bil- lingwa li tkun qed titgħallem;
    • tinqeda bis-sottotitli għal dawk neqsin mis-smigħ biex tagħraf il-kliem, jew biex tifhem sew xi jkun intqal;
    • tisma’ b’attenzjoni kif nies ta’ etajiet differenti jitħaddtu;
    • tosserva sew kif iġibu ruħhom kelliema nattivi f’sitwazzjonijiet differenti.
  • Jekk għandek xi ħabib barrani, tista’ titolbu jirrekordjalek kif in-nies isellmu ‘l xulxin bil-lingwa nattiva. Milli jirrekordjalek tkun tista’ tagħmel taħriġ fis-smigħ u l-fehim tassew motivanti u interessanti. Tista’ wkoll torganizza konferenza diretta fuq l-internet ma’ sħabek jew ma’ ċorma studenti adulti oħra bħalek minn madwar id-dinja.