Glossarju ta’ termini
Dan il-glossarju jagħti t-tifsiriet ta’ xi termini kif użati fil-Lingu@net Europa. Il-ħsieb ma kienx li l-ġabra tkun komprensiva. Iddaħħal biss il-kliem li min inqeda bis-sit talab tifsirtu.
- Avvanzat
- Il-kelma avvanzat tirreferi għal-Livelli Ċ1 u Ċ2 kif definiti fil-grilja ta' l-iskala globali tal-Qafas Komuni Ewropew bħala Referenza għal-Lingwi. Wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni li xi minn daqqiet ir-riżorsi tat-tagħlim ikunu msejsa fuq definizzjonijiet differenti ta' min għandu jitqies bħala student avvanzat.
- Bażiku
- B' bażiku nifhmu min ikun għadu fil-livelli A1 u A2 kif definiti fil-grilja ta' l-iskala globali tal-Qafas Komuni Ewropew bħala Referenza għal-Lingwi. Wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni li xi minn daqqiet ir-riżorsi tat-tagħlim ikunu msejsa fuq definizzjonijiet differenti ta' min għandu jitqies bħala student li għadu qed jibda jitgħallem.
- il-Ħila
- Biex tkun taf lingwa trid tkun kompetenti f'bosta oqsma, ngħidu aħna fil-qari, il-kitba, is-smigħ u t-taħdit. Dawn l-oqsma nsejħulhom ħiliet. L-għarfien tal-grammatika u l-vokabolarju ġieli jinkisbu apparti mill-ħiliet l-oħra u ħafna drabi fil-listi ta' ħiliet jitqiesu bħala ħiliet separati, imqar jekk jitqiegħdu ma' ħiliet oħra. Il-pronunzja u l-ispellar ukoll ġieli jittieħdu bħala ħiliet oħra separati li jaqgħu taħt l-oqsma tat-taħdit u l-kitba. Meta nitkellmu mbagħad dwar il-ħiliet soċjokulturali u funzjonali, nifhmu l-ħila li ninqdew sew b'lingwa fil-kuntesti kulturali u soċjali.
- il-Kliem Ewlieni
- L-aktar termini u espressjonijiet importanti.
- il-Lingwa li tixtieq titgħallem
-
Il-lingwa li tixtieq titgħallem jew li għaliha tkun qed
taqleb xi silta. Fil-każ tal-Lingu@net Europa, din il-lingwa
hi wkoll il-lingwa li r-riżors jixtieq jgħallem jew dik li
għaliha jirreferi r-riżors. Ngħidu aħna:
- Riżors maħsub biex kelliema tal-Ġermaniż jitgħallmu l-Finlandiż, ifiehem il-grammatika u l-lessiku tal-Finlandiż bil-Ġermaniż: il-Finlandiż = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem, il-Ġermaniż = il-lingwa tas-sors.
- Dizzjunarju mill-Ingliż għall-Ispanjol: l-Ingliż = il-lingwa tas-sors, l-Ispanjol = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem.
- Artiklu bl-Olandiż dwar kif tgħallem il-Franċiż lil studenti ċkejknin: l-Olandiż = il-lingwa tas-sors, il-Franċiż = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem.
- il-Lingwa tas-sors
-
Il-lingwa tas-sors hi l-lingwa li biha jkun miktub ir-riżors
jew il-materjal li tinqeda bih biex titgħallem. Jaqbillek
tinqeda b'riżors bil-lingwa li diġa` taf biex titgħallem
lingwa oħra. Ngħidu aħna:
- Riżors maħsub biex kelliema tal-Ġermaniż jitgħallmu l-Finlandiż, ifiehem il-grammatika u l-lessiku tal-Finlandiż bil-Ġermaniż: il-Finlandiż = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem, il-Ġermaniż = il-lingwa tas-sors.
- Dizzjunarju mill-Ingliż għall-Ispanjol: l-Ingliż = il-lingwa tas-sors, l-Ispanjol = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem.
- Artiklu bl-Olandiż dwar kif tgħallem il-Franċiż lil studenti ċkejknin: l-Olandiż = il-lingwa tas-sors, il-Franċiż = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem.
- il-Livell
- Meta ngħidu li xi ħadd jaf lingwa, nistgħu nkunu qed infissru kemm li xi ħadd jaf biss xi ftit kliem b'dik il-lingwa, kif ukoll mill-banda l-oħra, li kapaċi jikkomunika sew b'dik il-lingwa f'bosta sitwazzjonijiet impenjattivi. Il-forom differenti ta' għarfien jinqasmu f'livelli, fi kliem ieħor tal-bidu, il-bażiku, in-nofsani u l-avvanzat.
- il-MOO
- Il-MOO (Multi-User-Domain Object Oriented) nistgħu nħarsu lejha bħala logħba interattiva fuq l-internet, fejn min jilgħab jibni l-biċċa tiegħu fil-waqt li jikkomunika ma' plejers oħra. Hemm MOOs magħmula apposta biex jgħinu 'l dawk li jkunu qed jitgħallmu lingwa.
- il-Prefiss
- Mal-kliem ġieli nżidu xi ittri fil-bidu biex noħolqu kliem ġdid, ngħidu aħna diż jew arċ bħal fil-kliem diżgrazzja jew arċisqof.
- Il-Verb
- Kelma li tirreferi għal azzjoni jew attivita`, ngħidu aħna ġera, tgħallem, ħolom.
- in-Nom
- Kelma li tirreferi għal xi ħaġa, xi ħadd jew xi ħaġa astratta, ngħidu aħna. karozza, tifla, ħbiberija.
- is-Sinonimi
- Kliem bl-istess tifsira (jew kważi l-istess tifsira), ngħidu aħna żgħar = ċkejknin
- Kinestetika
- L-istudenti jagħżlu stili differenti biex jitgħallmu l-lingwi. Min jieħu gost jitgħallem billi jiċċaqlaq minn post għal ieħor u jieħu sehem f'attivitajiet prattiċi jitqies bħala student kinestetiku, student li jħobb iġarrab biex jitgħallem.
- Logħob ta' rwoli
- Attivita` fejn titgħallem billi tilgħab ir-rwol ta' xi ħadd biex titħarreġ f'ħiliet varji ta' lingwa.
- Materjal awtentiku
- Fost ir-riżorsi fil-lingwa li tkun qed tiġi mgħallma li jistgħu jintużaw għat-tagħlim tal-lingwa, minkejja li ma jkunux inħolqu għal dan il-għan, insibu gazzetti, ċarts bit-tbassir tat-temp; skedi; fuljetti dwar mużewijiet jew wirjiet ta' l-arti u l-bqija. Tinsiex li m'hemmx għalfejn tifhem kull kelma biex tislet it-tagħrif li tkun teħtieġ!
- Nofsani
- Il-kelma nofsani tirreferi għal-livelli B1 u B2 kif definiti fil-grilja ta' l-iskala globali tal-Qafas Komuni Ewropew bħala Referenza għal-Lingwi. Wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni li xi minn daqqiet ir-riżorsi tat-tagħlim ikunu msejsa fuq definizzjonijiet differenti ta' min għandu jitqies bħala student nofsani.
- Tagħlim bi sħab
- Meta żewġ persuni jitgħallmu l-lingwi ta' xulxin billi jiltaqgħu ta' spiss, jitkellmu bejniethom biż-żewġ lingwi, jibagħtu ittri elettroniċi 'l xulxin, iċemplu 'l xulxin jew jiċċettjaw u l-bqija. Nofs il-ħin iqattgħuh jitkellmu b'lingwa u n-nofs l-ieħor bil-lingwa l-oħra.
- Tista' toqgħod fuqu
- Test (jew għodda oħra) li biha tistħarreġ il-livell ta' kompetenza ta' xi ħadd f'lingwa tkun tista' toqgħod fuqu jekk jagħti l-istess riżultati kull darba li jsir lill-istess nies, ikun min ikun li jikkoreġih. L-ebda test ma tista' tkun ċert minnu kompletament, imma ċertu testijiet tant ikunu nħadmu sew, li tkun tista' torbot fuqhom.
- Validu
- Test jew għodda oħra li tassessja tkun valida jekk tassew tistħarreġ dawk l-aspetti li tistqarr li se teżamina. L-ebda test m'hu perfett, imma biex test ikun tajjeb irid ikun validu.
[ 'il fuq ]
